MaltiEnglishItalianoFrançaisDeutsch
Sponsors
Lejl f'Casal Fornaro u Festival tal-Hobz 2016
‘Lejl f'Casal Fornaro 2016’ Jittħabbru d-dettalji tal-10 edizzjoni ta’ Lejl f’Casal Fornaro li ser tittella’ nhar is-Sibt 15 t’Ottubru 2016. Il-Belt tal-Ħobża Maltija jew kif kienet magħrufa Casal Fornaro ser terġa toffri spettakklu ta’ kultura u tradizzjonijiet Qriema meta t-toroq ewlenin ta’ din il-belt ser jinbidlu biex jilqgħu għexieren ta’ wirjiet, drawwiet u tradizzjonijiet ta’ missirijietna, divertiment, żfin u kant folkloristiku, esebizzjonijiet artistici u l-ikel offrut. Is-suċċess ta’ din l-attività huwa duvut għall-atmosfera unika li tinħoloq hekk kif l-eqdem toroq tal-Belt Pinto jiġu mlibbsin il-libsa ta’ Casal Fornaro, kif Ħal Qormi kien magħruf minn żmien il-Kavallieri permezz ta’ diversi pavaljuni antiki u dekorazzjonijiet oħra tal-passat fosthom fanali, fustuni tax-xemgħat u għodda tradizzjonali. Barra minn hekk, l-kull min jattendi ser ikun jista’ jgawdi minn spettakklu li ser ikunu imtella’ fuq id-diversi palkijiet armati, li kull wieħed ser joffri drama, għana, brass bands, marċi u kant minn talent lokali. Wieħed ser ikun jista’ jesperjenza xelters tat-tieni Gwerra dinjija li kienu tnaddfu u nfetħu għall-wiri mill-istess organizzaturi. Din is-sena f’dawn ix-xelters ser ikun hemm wirja dwar l-istess gwerra dinjija u oħra tal-ħobż. ‘Lejl f’Casal Fornaro’ rat it-twelid tagħha fil-kalendarju tal-attivitajiet kulturali Maltin fis-sena 2007. Sa mill-ewwel edizzjoni din l-attività ġibdet lejha eluf ta’ persuni li apprezzaw il-ħidma, l-originalità u l-impenn tal-organizzaturi. B’dawn is-snin t’esperjenza u sodisfazzjon, l-organizzaturi qed iwasslulkom l-ghaxar edizzjoni ta’ attività li laqtet il-gosti ta’ kullhadd fosthom ta’ tfal, żgħażagħ, adulti kif ukoll turisti. Din l-attivita’ hija imtella’ mill-membri tal-Kummissjoni Zghazagh Bastjanizi, bl-għajnuna tal-kumpanija Maypole Ltd, kif ukoll bil-kooperazzjoni tal-Ministeru għat-Turiżmu, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja u Sajd u Drittijiet tal-Annimali u l-Kunsill Lokali Qormi. Għalkemm din l-attività hija organizzata miż-żgħażagħ tal-lokal, fiha tinkorpora l-parteċipazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ għaqdiet li jvarjaw minn dawk mużikali kif ukoll kollezzjonisti, sportivi u pirotekniċi. Għaqdiet tal-armar tradizzjonali tal-festi f’numru ta’ parroċċi minn madwar Malta u Għawdex. Din is-sena waħda mill-esebizzjonijiet ser tkun dik imtellà minn The Malta Records b’numru ta’ records nazzjonali li ser jinkludu fost l-oħrajn l-akbar umbrella tal-festi f’Malta. Waqt l-attività kkonċernata, numru sabiħ ta’ anzjani jesibixxu x-xogħol tagħhom bħal dak bl-arkett, ganutell, bizzilla u xogħol tas-suf fost oħrajn. B’dan il-mod, din l-attività organizzata miż-żgħażagħ, isservi wkoll sabiex toħloq kuxjenza dwar kemm l-anzjani għandhom x'joffru lis-soċjetà. Nhar il-Ġimgħa 14 t’Ottubru 2016 ser tittella l-15-il edizzjoni tal-Qormi Bread Festival li ser joffri spettaklu permezz tat-‘Tieġ Malti’ ta’ Bastjan u Katatrin. Isegwi dan it-tieġ issegwi ikla Qormija tradizzjonali bl-ispettaklu offrut mill-Grupp Folkloristiku Qormi, Il-Qamħa isegwi b’kunċert mill-Band Virtuosi. Waqt din l-attività qed tittella kompetizzjoni tal-aħjar Ħobż Ħelu magħmul id-dar. Wara dan il-ħobż ser ikun qed jinbiegħ bil-flus imorru b’risq il-Kampanja Pink October Malta. Għaldaqstant nhar is-Sibt 15 ta’ Ottubru 2016 nistiednu lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom it-tradizzjonijiet u l-folklor Malti, kif ukoll rapreżentanti ta’ għaqdiet u entitajiet varji, sabiex jingħaqdu magħna f’din l-attività li issa saret parti mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna.

<< Previous 1 2 Next >>